L-ekonomija qed tikber, iżda mhux kulħadd qed jibbenefika mit-tkabbir ekonomiku. Id-distakk bejn min hu komdu u min isibha diffiċli jlaħħaq mal-ħajja qed jikber għaliex ħafna ħaddiema f’Malta għandhom pagi baxxi.
Paga minima hija l-inqas ħlas li jistgħu jitħallsu l-ħaddiema skont kif ikun stabbilit mill-awtoritajiet. Din ġiet introdotta fl-1974 u qatt m’għoliet minn dak iż-żmien ‘l hawn. Ir-rata fl-2017 hi ta’ €4.24 fis-siegħa, jew €735 fix-xahar.
Din tiżdied biss bil-COLA – iż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja. Il-COLA mhijiex żieda fil-paga minima għaliex din tingħata lill-ħaddiema kollha, anki lil dawk li jaqilgħu ħafna.
Minn studju tal-Caritas joħroġ ċar li min qiegħed fuq paga minima ma jistax jaqdi il-ħtiġijiet essenzjali għal għixien dinjituz. Dan ifisser li persuni fuq paga minima jkollhom diffikultajiet fix-xiri tal-ikel, tal-mediċina u fl-edukazzjoni tat-tfal. Huwa prattikament impossibbli għal min qiegħed fuq paga minima li jissellef mill-bank biex jixtri dar u biex iħallas il-kera meta l-kirjiet qed jogħlew il-ħin kollu tant li l-biċċa l-kbira tal-paga tmur biex titħallas il-kera.