Il-Proposta Tagħna

Żieda ta’ madwar €80 fix-xahar imqassma fuq tliet snin


Il-Kampanja Paga Minima Diċenti qed tipproponi li l-paga minima togħla bi 11%. Dan ikun imqassam fuq medda ta’ tliet snin, b’żieda ta’ 3.5% kull sena, sabiex ma jkun hawn ebda xokk fuq l-ekonomija.

Dan ikun ifisser li min qiegħed fuq paga minima bħalissa, tliet snin oħra sa jkun qed jieħu madwar €80 iktar fix-xahar, barra ż-żidiet tal-COLA. 

Żieda ta’ 11% xorta mhijiex biżżejjed biex il-paga minima issir verament waħda  xierqa. Iżda jkun pass ‘il quddiem għal iktar ġustizzja mal-ħaddiema. 

Ir-rata tal-paga minima għandha wkoll tiġi riveduta regolarment, per eżempju kull ħames snin, sabiex ikun żgurat li din tirrifletti l-bżonnijiet tal-ħaddiema. 


Żieda fil-paga minima jew allowances?


L-għotja waħedha ta’ allowances mill-Gvern lil min qiegħed fuq paga minima mhijiex soluzzjoni ġusta, la mal-ħaddiema u lanqas mal-pajjiż. Allowance ma tikkontribwixxix għall-pensjoni tal-individwu, u għalhekk min jirċievi allowances minflok żieda fil-paga, jispiċċa b’pensjoni baxxa ħafna.

Fuq kollox, ir-responsabbiltà li tingħata paga ġusta għandha tkun fuq min qed jagħmel il-profitt mix-xogħol tal-ħaddiema. Is-soluzzjoni għal pagi baxxi mhijiex li jiġu issussidjati bi flus il-poplu f’forma ta’ allowances, iżda li jkun żgurat li min qed jagħmel il-profitt iħallas paga xierqa lill-ħaddiema.


Jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-ekonomija?


Żieda ta’ 11% fil-paga minima, imqassma fuq tliet snin, mhux se jkollha impatt ekonomiku negattiv. Anzi, din ser issaħħaħ l-ekonomija għaliex ikun hawn iktar flus fl-idejn

  • Il-ħajja mhux sa togħla minħabba żieda relattivament żgħira fil-pagi l-iktar baxxi. 
  • Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji jifilħu għal din iż-żieda. Fejn hemm setturi li jistgħu jaffaċċjaw diffikultajiet, il-Gvern għandu jintervjeni permezz ta’ inċentivi fiskali.